mt

Document Sample
mt Powered By Docstoc
					Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Il-manuskritt tlesta f’Mejju 2009




Opportunità u sfida
Il-migrazzjoni fl-Unjoni Ewropea




Storikament l-Unjoni Ewropea attirat miljuni ta’ immigranti. Il-biċċa l-kbira minnhom
jiġu legalment, iżda jkun hemm uħud li ma jiġux legalment. L-immigrazzjoni hi
kemm opportunità kif ukoll sfida għall-Ewropa. L-immigranti legali huma meħtieġa
biex jimlew il-vojt fil-forza tax-xogħol tal-UE, hekk kif il-popolazzjoni tal-UE tixjieħ
u r-rata tat-twelid tagħha tonqos. Madankollu, l-UE għandha twaqqaf l-immigrazzjoni
illegali u tikkoopera ma’ pajjiżi oħra sabiex tirranġa r-ritorn ta’ immigranti irregolari
fuq bażi volontarja. L-UE għandha wkoll l-obbligu li tipproteġi lil dawk li
ġenwinament ikunu qed ifittxu l-ażil li ħarbu mill-persekuzzjoni jew dannu serju. L-
għan tal-mexxejja Ewropej hu li titfassal strateġija komuni, sabiex kull pajjiż jiġi
megħjun biex ilaħħaq mal-isfidi u jibbenefika mill-opportunitajiet. Għalhekk ftehmu
fuq Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.




                                                                      Unjoni Ewropea



                                                                                       1
Kontenut

Tradizzjoni ta’ akkoljenza

Kalamita għall-immigranti

L-immigrazzjoni legali hi fl-interess tagħna lkoll

L-ebda immigrazzjoni mingħajr integrazzjoni

It-tnaqqis tal-immigrazzjoni illegali

Ażil: obbligu tal-protezzjoni

Qsim ta’ responsabbiltajiet

Qari addizzjonali




                                                     2
                                                   Tradizzjoni ta’ akkoljenza

Nifhmu aħjar in-numri
L-opinjonijiet dwar l-immigrazzjoni jistgħu jvarjaw b’mod radikali. Filwaqt li l-
mexxejja tan-negozju f’ħafna pajjiżi tal-UE qed jitolbu iżjed ħaddiema immigranti
biex jimlew il-postijiet tax-xogħol battala, vuċijiet oħra fl-UE jsostnu li l-UE qed tiġi
invaduta mill-immigranti irregolari. Xi kultant ikun diffiċli li wieħed isib ċifri
kredibbli – u spiss dawn jiġu interpretati ħażin. Għaldaqstant tajjeb li ċ-ċifri għat-tipi
ewlenin ta’ immigranti jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom.

Sa mill-2007, kien hemm 18.5 miljun immigrant minn barra l-UE (l-hekk imsejħa
‘ċittadini ta’ pajjiżi terzi’) stabbiliti legalment fis-27 pajjiż tal-UE, li jirrappreżentaw
madwar 4 % tal-popolazzjoni kollha.

Madwar disa’ miljun ċittadin tal-UE għexu f’pajjiż tal-UE li mhuwiex dak tagħhom.

L-immigranti irregolari jiffurmaw biss minorità żgħira meta mqabbla ma’ dawn iċ-
ċifri. Għalkemm bħala definizzjoni ma jistax ikun hemm ċifri formali, l-istimi mill-
Kummissjoni Ewropea jissuġġerixxu li hemm mill-inqas 4.5 miljun persuna residenti
illegalment fl-Istati Membri tal-UE. Madwar 500 000 jiġu arrestati kull sena fl-UE.

Dawk li jfittxu l-ażil huma saħansitra inqas. In-numri tagħhom baqgħu fl-iżjed livell
baxx għal iżjed minn 10 snin, b’medja ta’ ftit iżjed minn 200 000 fis-sena.


L-immigrazzjoni fl-UE hi, u se tibqa’ magħna. L-immigranti jiffurmaw parti mill-
istruttura ekonomika u kulturali tal-Unjoni Ewropea. Jinsabu preżenti fil-livelli kollha
tal-forza tax-xogħol, u jimlew il-vojt li l-persuni tal-lokal ma jistgħux jimlew. Dawn
jinkludu speċjalisti mħarrġa sew fl-IT, l-infermiera u professjonisti oħra fil-qasam tas-
saħħa kif ukoll ħaddiema li jwettqu xogħlijiet li ċ-ċittadini tal-UE ma jridux jagħmlu
iżjed. Għaldaqstant l-isfida hi li jiġi żgurat li l-immigrazzjoni tkun ta’ benefiċċju għal
kulħadd – iċ-ċittadini u s-soċjetà tal-UE, l-immigranti u l-familji tagħhom, u fejn hu
possibbli, il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom.

Kull Stat tal-UE hu liberu li jidentifika n-numru u t-tip ta’ ħaddiema immigranti li
għandu bżonn u li joħroġilhom il-permessi tax-xogħol u r-residenza. Il-pajjiżi
ospitanti jkunu mbagħad responsabbli għall-integrazzjoni tal-immigranti u l-familji
tagħhom fil-pajjiż il-ġdid tagħhom. Madankollu, l-immigrazzjoni hi kwistjoni
sensittiva. L-UE u l-membri tagħha jaqblu li din teħtieġ ġestjoni attenta kif ukoll iżjed
kooperazzjoni.




                                                                                          3
It-trattament tal-immigrazzjoni illegali

L-immigrazzjoni illegali fl-UE għandha titnaqqas minħabba l-ħafna konsegwenzi
negattivi tagħha, mhux l-inqas il-konnessjonijiet tagħha ma’ gruppi kriminali u
traffikanti tan-nies. Barra minn hekk, tagħmilha diffiċli li jiġu identifikati refuġjati
ġenwini. Spiss ħafna, in-nies li jkunu qed jiċċaqalqu jiġu fi gruppi mħallta. Ikunu
jinkludu immigranti li l-motivazzjoni ewlenija tagħhom hi li jfittxu ħajja aħjar fl-
Ewropa u oħrajn li jaħarbu l-persekuzzjoni u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

L-immigrazzjoni illegali, u l-pubbliċità li tirċievi, iżżid it-tħassib ta’ xi pajjiżi u
reġjuni tal-UE dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u kwistjonijiet umanitarji. L-Istati
Membri tal-UE għaldaqstant jaħdmu flimkien biex jiskoraġġixxu n-nies milli jidħlu
fl-UE b’mod illegali u biex jaslu fi ftehim dwar kif għandhom jintbagħtu lura dawk li
jkunu daħlu xorta waħda.

Il-ħarsien ta’ dawk li jfittxu l-ażil

Il-pajjiżi tal-UE għandhom tradizzjoni twila li jipprovdu post tal-kenn għal dawk li
jfittxu l-ażil b’mod leġittimu. Huma wkoll marbuta bil-liġi internazzjonali li
jipproteġuhom. Id-dritt għall-ażil hu garantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
adottata fis-sena 2000. Il-gvernijiet nazzjonali diġà ħadu numru ta’ passi biex
jiżguraw li dawk kollha li jfittxu protezzjoni fl-UE jiġu ttrattati b’mod ġust u
effiċjenti. Ir-regoli tal-UE jarmonizzaw il-proċeduri nazzjonali dwar kif għandhom
jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-ażil. Jistabbilixxu standards minimi dwar kif
għandhom jintlaqgħu dawk li jfittxu l-ażil kif ukoll kriterji fissi għal dawk li
jikkwalifikaw għall-protezzjoni internazzjonali. Dan ifisser li ssir distinzjoni bejn nies
fi bżonn ġenwin tal-protezzjoni u dawk li għażlu li jiċċaqalqu biex itejbu l-istandard
tal-għajxien tagħhom.

Il-pajjiżi tal-UE resqu eqreb lejn definizzjoni ta’ politika komuni dwar l-ażil milli fir-
rigward tal-kwistjoni iżjed kumplessa u wiesgħa tal-immigrazzjoni.




                                                                                        4
                                                 Kalamita għall-immigranti
Għal iżjed minn 400 sena, emigranti mill-Ewropa marru bil-gzuz lejn l-Amerika ta’
Fuq u t’Isfel, l-Awstralażja u (f’numri iżgħar) l-Afrika. Telqu biex ifittxu ħajja aħjar
għalihom u għall-familji tagħhom jew biex jaħarbu mill-persekuzzjoni reliġjuża u
politika f’pajjiżhom. Illum il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea saru, minflok, kalamita għall-
immigranti u qed jattiraw nies minn pajjiżi oħra bil-prosperità u l-istabbiltà politika
tagħhom.

Hekk kif il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent irkupraw mit-Tieni Gwerra Dinjija, stiednu
lill-immigranti mir-reġjuni tal-madwar u ekskolonji sabiex isaħħu l-forza tax-xogħol
lokali hekk kif l-ekonomiji tagħhom kibru fis-snin 50 u 60. L-immigranti li waslu dak
iż-żmien u dawk li ġew wara għenu biex tinħoloq l-UE għanja li nafu llum.

Kien hemm ukoll xi moviment intern ta’ nies fi ħdan il-konfini tal-UE hekk kif iċ-
ċittadini tagħha bbenefikaw mid-dritt ta’ moviment u residenza libera fl-UE.

Influssi akbar

In-numru ta’ persuni li qed jiġu minn pajjiżi lil hinn mill-konfini tal-UE żdied f’dawn
l-aħħar snin billi l-qabża bejn il-pajjiżi għonja u dawk fqar twessgħet, u billi n-numri
ta’ kunflitti lokali u reġjonali fuq l-għatba tal-Ewropa u lil hinn minnha żdiedu. Fattur
ieħor hu l-ivvjaġġar iżjed faċli.

Fil-bidu tas-seklu l-migrazzjoni netta fl-UE kienet ta’ madwar miljun fis-sena. Iżda n-
numru medju annwali issa hu viċin il-1.75 miljuni.

Madankollu l-istatistiċi fuq il-migrazzjoni netta jipprovdu biss indikazzjoni. Dawn
jaqbdu d-differenza bejn il-wasliet ġodda fl-UE u r-residenti li jitilqu. Ma jagħmlux
distinzjoni bejn immigranti ekonomiċi u residenti ġodda oħra bħal studenti jew dawk
li jiġu għal raġunijiet mhux ekonomiċi.

F’dawn l-aħħar snin, l-akbar sehem ta’ permessi tar-residenza ġodda mar għal membri
tal-familja ta’ immigranti li huma diġà residenti (madwar 35 %), segwit b’ħaddiema
immigranti ġodda (28 %) u studenti (15 %).

Mit-18.5 miljun ċittadin ta’ pajjiżi terzi li jgħixu legalment fl-UE, l-akbar gruppi
huma mit-Turkija (2.3 miljuni), il-Marokk (1.7 miljuni), l-Albanija (0.8 miljun) u l-
Alġerija (0.6 miljun). In-numru ta’ residenti mwielda barra hu ikbar minn dan. Dan
għaliex ħafna immigranti jirnexxilhom jiksbu ċ-ċittadinanza tal-pajjiż ospitanti
tagħhom u ma jibqgħux jidhru fiċ-ċifri.


Moviment liberu għaċ-ċittadini tal-UE
Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jgħix u jaħdem fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Dan
hu wieħed mill-iżjed benefiċċji tanġibbli tas-sħubija fl-UE li ċ-ċittadini tagħha
jgawdu. Għal xi wħud dan wassal biex jiċċaqalqu minn pajjiżi ifqar għal pajjiżi iżjed
għonja, ġeneralment lejn il-Majjistral tal-Ewropa, sabiex jibbenefikaw minn pagi



                                                                                       5
ogħla u kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar. Iżda jeżistu wkoll sitwazzjonijiet opposti.
Ħafna migranti għażlu li jiċċaqalqu fid-direzzjoni opposta partikolarment meta
jirtiraw. Dawn jibdlu l-klima iżjed ħarxa tal-Baħar tat-Tramuntana jew il-Baltiku
max-xtut iżjed sħan tal-Mediterran.

Sa ftit taż-żmien ilu relattivament ftit ċittadini tal-UE kienu jitilqu minn pajjiżhom.
Iżda l-migrazzjoni ekonomika mil-Lvant għall-Punent żdiedet wara t-tkabbir tal-2004
u l-2007 minħabba l-qabża fl-għana bejn l-ifqar pajjiżi ġodda li daħlu fl-UE u l-
kumplament tal-Unjoni. L-iżjed reġjuni għonja tal-UE b’27 pajjiż kienu disa’ darbiet
iżjed sinjuri mill-ifqar pajjiżi u kellhom postijiet tax-xogħol battala x’jimlew.
Migranti mill-Polonja u mill-pajjiżi Baltiċi marru lejn il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Iżvezja
u r-Renju Unit filwaqt li r-Rumeni, għal raġunijiet kulturali u lingwistiċi, fittxew ix-
xogħol fl-Italja u fi Spanja.

Iżda din it-tendenza naqset. Bil-kriżi ekonomika fl-2009 hemm inqas postijiet tax-
xogħlijiet battala fil-pajjiżi mixtieqa. Dan hu wkoll minħabba li l-qabża fl-għana bejn
il-pajjiżi l-qodma u l-ġodda tal-UE qed tonqos u dan jinkoraġġixxi lil xi migranti biex
jirritornaw lejn darhom. Numru ta’ pajjiżi tal-UE fil-bidu kienu llimitaw l-influss ta’
ħaddiema minn membri ġodda iżda dawn ir-restrizzjonijiet temporanji qegħdin
jitneħħew bil-mod il-mod.




                                                                                       6
                  L-immigrazzjoni legali hi fl-interess tagħna lkoll
L-UE għandha bżonn iżjed ħaddiema minn barra. Dawn huma essenzjali biex jiġu
żgurati t-tkabbir ekonomiku u l-prosperità. Dawn se jsiru iżjed essenzjali fis-snin li
ġejjin meta l-popolazzjoni tal-UE tkompli tixjieħ u l-forza tax-xogħol tonqos. Dan il-
proċess ta’ xjuħija hu tendenza fuq perjodu taż-żmien twil li għandu jiġi indirizzat
anki jekk il-qgħad jiżdied waqt il-kriżi ekonomika fl-2009.

L-immigranti, b’mod partikolari l-immigranti mħarrġa, jilagħbu rwol sinifikanti fiż-
żamma ta’ livelli għolja ta’ impjiegi u jagħmlu xogħlijiet essenzjali u jgħinu biex ikun
hemm fondi għall-pensjonijiet għan-numru dejjem jikber ta’ ċittadini anzjani.

L-immigrazzjoni tista’ tipprovdi biss parti mis-soluzzjoni għal din il-problema.
Għandhom jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet oħra b’reazzjoni għall-popolazzjoni li qed
tikber u l-forza tax-xogħol li qed tonqos. Dawn jinkludu ż-żieda fir-rati tat-twelid u d-
dħul ta’ iżjed nies, b’mod partikolari nisa, fid-dinja tax-xogħol billi ssirilhom iżjed
faċli li jikkombinaw ix-xogħol mal-ħajja tal-familja. Nistgħu ninkoraġġixxu wkoll in-
nies biex jaħdmu iżjed u billi nipprovdu edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja kollha.

Nieħdu azzjoni: l-ewwel passi

Fl-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru jistabbilixxi l-politika tal-immigrazzjoni
nazzjonali tiegħu. Huwa ħieles li jiddeċiedi l-proċeduri tad-dħul, it-tipi ta’ xogħol
disponibbli għall-immigranti, il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u kemm nies jitħallew
jidħlu. Madankollu, il-mexxejja tal-UE għarfu li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni hi
prijorità komuni u li l-pajjiżi tagħhom qed jiffaċċjaw sfidi simili. Għaldaqstant
iddeċidew li jikkoordinaw aspetti importanti tal-politika tal-immigrazzjoni.

Dawn jinkludu l-immigrazzjoni legali u l-integrazzjoni tal-immigranti u l-familji
tagħhom fl-istrutturi ekonomiċi u soċjali lokali. Qablu wkoll fuq approċċ komuni
dwar kif għandha tiġi ttrattata l-problema ewlenija tal-immigranti illegali: kif jiġu
interċettati u mibgħutin lura, kif ukoll il-kooperazzjoni mill-viċin ma’ pajjiżi ta’
tranżitu u l-pajjiżi tal-oriġini.

Dwar l-immigrazzjoni legali, l-UE introduċiet sett ta’ regoli komuni għar-
riunifikazzjoni tal-familji. Dawn jippermettu li membri diretti tal-familja — ir-raġel
jew il-mara u t-tfal mhux adulti tal-koppja — jingħaqdu ma’ immigrant li jkun ilu
stabbilit b’mod legali f’pajjiż tal-UE għal mill-inqas sena. Il-pajjiżi individwali
jistgħu jestendu l-ambitu tal-liġi jekk jixtiequ li jinkludu wkoll il-ġenituri tal-
immigrant u tfal akbar li għadhom mhux miżżewġin.




                                                                                       7
It-tieni liġi tal-UE tispeċifika li wara ħames snin f’pajjiż wieħed, immigrant legali
jista’ japplika għal stat ta’ resident għal perjodu ta’ żmien twil, li jippermettilu, fost
affarijiet oħra, li jieħu xogħol jew li jsegwi taħriġ professjonali f’pajjiż ieħor tal-UE.
Leġiżlazzjonijiet oħra jistabbilixxu kundizzjonijiet komuni sabiex studenti u
riċerkaturi jitħallew jidħlu fl-UE.

Nuqqas f’ċerti ħiliet

Xi pajjiżi tal-UE introduċew sistemi nazzjonali biex jattiraw immigranti mħarrġa u
dawk imħarrġa fi grad għoli f’ċerti setturi. Dawn jinkludu t-teknoloġija tal-
informatika u l-inġinerija fejn ma hemmx biżżejjed ċittadini kkwalifikati tal-UE biex
jimlew il-postijiet battala. L-UE qed taħdem biex tistabbilixxi sistema ta’ din ix-xorta
għall-Unjoni kollha. Dan ikun ifisser li immigranti kkwalifikati ħafna jingħataw dħul
ta’ malajr, titolu tar-residenza rikonoxxut madwar l-UE kollha (il-Karta l-Blu tal-UE),
kundizzjonijiet tar-residenza favorevoli u l-possibbiltà tal-moviment minn pajjiż tal-
UE għal ieħor wara sentejn ta’ residenza tal-bidu.

Benefiċċji għaż-żewġ naħat

Il-fluss ta’ migranti lejn l-UE jibbenefika wkoll il-pajjiżi minn fejn ikunu ġejjin. Il-
ħaddiema li jibagħtu l-flus id-dar jistgħu jagħmlu kontribuzzjoni konsiderevoli għad-
dħul fil-familji, u b’mod indirett għad-dħul tal-Istat; dawn huma rilevanti ħafna,
pereżempju, f’xi pajjiżi tal-Afrika tal-Punent bħall-Gana, is-Senegal u l-Mali. L-
emigrazzjoni lejn l-Ewropa jista’ jkollha wkoll l-effett ta’ valvola tas-sigurtà bit-
tnaqqis tal-qgħad lokali u s-serħan ta’ tensjonijiet soċjali potenzjali, speċjalment fost
żgħażagħ mingħajr xogħol. L-immigranti li jirritornaw jistgħu jieħdu magħhom il-
ħiliet u l-għarfien li mbagħad isiru disponibbli fil-pajjiż minn fejn ġew.

L-UE qed tqis metodi differenti ta’ kif tevita ‘l-eżodu tal-imħuħ’ ta’ ħaddiema
kkwalifikati minn pajjiżi fqar. Idea waħda hi dik tal-‘migrazzjoni ċirkolari’. Dan
jippermetti li l-immigranti jiġu lejn l-UE biex jaħdmu u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom
– bil-kundizzjoni li jirritornaw lejn il-pajjiżi tagħhom wara perjodu ta’ żmien
speċifiku sabiex jieħdu lura l-ħiliet tagħhom f’pajjiżhom. Il-persuna kkonċernata tista’
mbagħad, jekk tkun tixtieq, tqatta’ perjodu ta’ żmien ieħor fl-UE.

Mill-banda l-oħra, l-immigranti aktarx li jkollhom livell ta’ edukazzjoni ogħla minn
dak li jkun hemm fis-soċjetà li tilqagħhom. Studju li sar mill-OECD fl-2007 juri li
20 % tan-nies tal-lokal f’pajjiżi żviluppati għandhom grad universitarju, meta
mqabbla mal-25 % (kważi) tal-ħaddiema immigranti. Jekk il-pajjiżi Ewropej ma
jkollhomx politika responsabbli u stabbilita tar-reklutaġġ, il-migranti jiffaċċjaw ir-
riskju li jaħdmu f’xogħlijiet li jirrikjedu ħiliet inqas mill-edukazzjoni tagħhom u li
b’konsegwenza ta’ dan jitilfu l-ħiliet tagħhom.




                                                                                        8
                      L-ebda immigrazzjoni mingħajr integrazzjoni

Skoperta ta’ talenti moħbija
Organizzazzjoni mhux governattiva Portugiża, is-Servizz tar-Refuġjati tal-Ġiżwiti
(JRS), skopriet li l-ħaddiema immigranti li attendew il-korstijiet fil-lingwa organizzati
minnaha, spiss kellhom xogħlijiet li ma kinux jaqblu mal-kwalifiki akkademiċi
tagħhom. B’mod partikolari, sabet li numru ta’ ħaddiema, speċjalment b’xogħlijiet
fis-settur tal-kostruzzjoni, kellhom kwalifiki mediċi. L-immigranti, l-iżjed mir-Russja,
l-Ukrajna u l-Moldovja, kienu jinkludu tobba ġenerali, pedjatri, kirurgi u speċjalisti
oħra.

Flimkien ma’ organizzazzjoni volontarja oħra, il-Fondazzjoni Calouste Gulbenkian,
il-JRS nediet programm għat-tobba sabiex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti barra
minn pajjiżhom. Dan kien jinvolvi korsijiet fl-iskola medika, apprendistati fl-isptar,
iċ-ċans li jgħaddu minn eżami u reġistrazzjoni fil-Kunsill Mediku Portugiż.
B’konsegwenza ta’ dan, iżjed minn 100 minn dawn it-tobba issa qegħdin jipprattikaw
il-mediċina b’mod uffiċjali fil-Portugall.


Politika ta’ immigrazzjoni ta’ suċċess tirrikjedi strateġiji ta’ integrazzjoni effettivi. Il-
mexxejja tal-UE qablu dwar sett ta’ prinċipji komuni għall-integrazzjoni tal-
immigranti minn barra l-Unjoni. Dawn jirrikonoxxu li l-integrazzjoni hi proċess
b’żewġ naħat, li jinvolvi l-immigranti u r-residenti lokali f’relazzjoni kostruttiva
għall-bini tar-rispett u t-tolleranza reċiproka.

Iżda l-integrazzjoni għandha aspett prattiku. Fuq livelli reġjonali jew lokali, il-pajjiżi
tal-UE joffru lill-immigranti korsijiet fil-lingwa, għajnuna biex isibu xogħol u post
fejn jgħixu, edukazzjoni għat-tfal tagħhom u aċċess għall-kura tas-saħħa. Inizjattivi
oħra jinkludu t-taħriġ mill-ġdid ta’ ħaddiema adulti, azzjoni għall-prevenzjoni tad-
diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-impjiegi għal nisa immigranti.




                                                                                           9
Il-pajjiżi tal-UE jipprovdu wkoll korsijiet ta’ orjentazzjoni ċivika, li spiss ikunu fil-
lingwa tal-immigranti, sabiex jiffamiljarizzawhom mal-prattiċi legali, amministrattivi
u kulturali tal-pajjiż ospitanti l-ġdid tagħhom.

Attenzjoni fuq it-tfal u ż-żgħażagħ

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma għodod essenzjali sabiex jgħinu l-immigranti biex
jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal professjonali tagħhom u sabiex jipparteċipaw b’mod
attiv fis-soċjetà. Dan hu rikonoxxut bi programmi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tal-UE.
It-tfal u ż-żgħażagħ immigranti spiss ma jmorrux tajjeb fl-iskola daqs studenti oħra.
Għaldaqstant hemm bżonn sforzi oħra sabiex dan jiġi ttrattat. Jeżistu wkoll inizjattivi
mmirati sabiex żgħażagħ żvantaġġjati minn komunitajiet tal-immigranti jintegraw
iżjed faċilment fis-soċjetà u fl-ambjent tax-xogħol. Dan isir permezz ta’ attivitajiet
edukattivi, sportivi u kulturali.

Rispett u tolleranza reċiproka

L-għan ewlieni tal-integrazzjoni hu li jinbnew ir-rispett u t-tolleranza reċiproka,
sabiex tinbena soċjetà koeżiva fil-konfini ċari stabbiliti mil-liġi u l-valuri komuni tal-
Unjoni Ewropea.

Mod wieħed kif dan jista’ jsir hu li titqajjem kuxjenza fost il-komunitajiet lokali dwar
kemm l-immigranti jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-UE u d-
diversità kulturali tagħha. L-immigranti intraprendituri, pereżempju, joħolqu
xogħlijiet u spiss jikkontribwixxu għal ideat ta’ prodotti ġodda, flessibbiltà u għarfien
reali dwar gruppi ta’ klijenti f’suq li dejjem qed isir differenti. Ħafna pajjiżi tal-UE
għandhom programmi li jagħtu appoġġ lill-intraprendituri minn komunitajiet tal-
immigranti u ta’ minoranza etnika.


Il-ftit jista’ jgħin ħafna

Programm fil-belt Taljana ta’ Turin, b’baġit annwali ta’ EUR 120 000 biss, għen biex
jitwaqqfu 500 kumpanija ġdida mmexxija minn immigranti bejn is-sena 2000 u l-
2007. Ħafna minnhom kienu fis-setturi tal-kostruzzjoni u s-servizzi. Sentejn wara
85 % minnhom kienu għadhom fuq saqajhom.

Immexxi mill-uffiċċju lokali tal-Konfederazzjoni Nazzjonali għal Intrapriżi Żgħar u
ta’ Daqs Medju (CNA), il-programm offra serje ta’ servizzi. Dawn kienu jinkludu t-
titjib tal-ħiliet tal-immigranti dwar in-negozju u l-maniġment, it-titjib tal-aċċess
tagħhom għall-finanzi, u għajnuna biex jiffaċċjaw ir-rekwiżiti legali, amministrattivi u
fiskali tal-lokal. Il-programm ipprovda wkoll pariri dwar l-assigurazzjoni u l-kuntratti,
u offra korsijiet fit-Taljan użat fin-negozju.

Is-suċċess tal-programm wassal biex jiġi replikat fuq livell nazzjonali, b’25 uffiċċju
provinċjali tas-CNA madwar l-Italja li qegħdin joffru programmi simili.




                                                                                       10
                                        It-tnaqqis tal-immigrazzjoni illegali
It-tnaqqis tal-immigrazzjoni irregolari fl-Unjoni Ewropea hu xogħol ta’ prijorità.
Minħabba n-natura tal-fenomenu, mhumiex disponibbli ċifri preċiżi. Il-Kummissjoni
Ewropea tistma li hemm mill-inqas 4.5 miljun immigrant illegali mxerrda madwar l-
UE. Sorsi oħra jindikaw ċifri ogħla.

Il-kostruzzjoni, l-agrikoltura, ix-xogħol domestiku, it-tindif u l-kejtering huma s-
setturi ekonomiċi fejn ħafna immigranti illegali jsibu xogħol. Il-pajjiżi tal-UE qablu
dwar regoli li għandhom l-għan li jnaqqsu l-effett li d-disponibbiltà tax-xogħol illegali
jkollu fl-attrazzjoni tal-immigranti illegali lejhom. Dawn jinkludu miżuri ta’
prevenzjoni, sanzjonijiet kontra min iħaddem u obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali
sabiex itejbu l-ispezzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol tagħhom.

Kull sena, l-awtoritajiet fil-pajjiżi tal-UE jaqbdu madwar 500 000 immigrant illegali
fit-territorju tagħhom. Madwar 40 % minnhom jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini
tagħhom jew lejn il-pajjiż li minnu jkunu vvjaġġaw lejn l-UE.

L-immaġni ta’ immigranti klandestini mgeddsin ġo dgħajjes mhux tajbin għal fuq il-
baħar li qegħdin jagħmlu vjaġġi perikolużi mill-Afrika għall-Ewropa, jixxandru ħafna
fl-aħbarijiet u saru jissimbolizzaw dan il-fenomenu. Għalkemm dawn il-vjaġġi
jirrappreżentaw minoranza żgħira ta’ dawk li jidħlu fl-UE illegalment, hemm bżonn
ta’ sforz konġunt kbir mis-servizzi tal-għassa tal-kosta u navali tal-pajjiżi tal-UE
sabiex jitwaqqaf l-influss u, f’numru ta’ każijiet, għas-salvataġġ tal-ħajjiet fil-periklu.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tiffinanzja ċentri tal-akkoljenza għall-immigranti li jaslu
illegalment fil-Greċja, Malta, l-Italja u Spanja.

Iżjed kontrolli effettivi fil-konfini

Il-biċċa l-kbira tal-immigranti residenti fl-UE illegalment huma persuni li ġejjin minn
pajjiżi mhux fl-UE li jidħlu fl-UE legalment b’viżas għal perjodi qosra, iżda li
jibqgħu fl-Unjoni għal raġunijiet ekonomiċi meta l-viżas tagħhom ikunu skadew
(‘dawk li jdumu iżjed milli suppost’). L-aqwa post fejn titwaqqaf l-immigrazzjoni
illegali, għaldaqstant, hu l-konfini esterni tal-UE. Dawn saru iżjed importanti minn
meta tneħħew il-konfini interni – u l-kontrolli tal-konfini – fl-UE. Ladarba jidħlu fl-
UE, l-immigranti illegali jistgħu jimxu lejn pajjiżi oħra tal-UE mingħajr ma jiġu
ċċekkjati.


L-isforzi konġunti jwasslu għal riżultati
Frontex hi l-aġenzija li tippromwovi l-kooperazzjoni prattika bejn il-pajjiżi tal-UE fir-
rigward tal-kontroll tal-konfini esterni tagħha. Fl-2008, ikkoordinat iżjed minn
25 operazzjoni konġunta fil-konfini tal-art u tal-baħar u fl-ajruporti tal-UE. Frontex
ħolqot provvista komuni ta’ tagħmir disponibbli għal Stati Membri tal-UE, inklużi
iżjed minn 100 inġenju tal-baħar, 20 inġenju tal-ajru, 25 ħelikopter u mijiet ta’ biċċiet
ta’ tagħmir tal-kontroll tal-fruntieri. Iżjed minn 600 għassies tal-konfini huma lesti




                                                                                        11
biex jieħdu azzjoni fi żmien qasir minn meta jiġu mgħarrfin jekk tinqala’ xi kriżi
straordinarja f’xi konfini partikolari.

Fl-operazzjonijiet konġunti tal-2006-07 fil-Mediterran u l-Atlantiku, bejn il-kosta tal-
Afrika tal-Punent u l-Gżejjer Kanarji ta’ Spanja, madwar 14 000 immigrant ġew
maqbuda u mibgħuta lura minn fejn ġew. Ir-ronda konġunta tal-Frontex bejn l-Afrika
u l-Gżejjer Kanarji tinvolvi dgħajjes u ajruplani minn Spanja u diversi pajjiżi oħra tal-
UE. Is-Senegal u l-Mawritanja wkoll ħadu sehem f’dawn ir-rondi.




                                                                                      12
Sfrattar ta’ netwerk ta’ traffikanti tan-nies imferrex madwar l-
Ewropa

F’ġurnata waħda f’Ġunju 2008, il-pulizija f’disa’ pajjiżi tal-UE arrestat 75 persuna
ssuspettati li jappartjenu għal ċirku ta’ traffikanti tan-nies. L-operazzjoni kienet
waħda mill-akbar tax-xorta tagħha u involviet iżjed minn 1 300 uffiċjal tal-pulizija.
Din ġiet koordinata mill-aġenzija Ewropea tal-infurzar tal-liġi, l-Europol.

Fil-mira kien hemm netwerk ta’ traffikanti tan-nies l-iżjed ta’ oriġini Iraqina
(għaldaqstant l-isem kodiċi ‘Operazzjoni Bagdad’) li kienet ġarret lejn l-Ewropa
immigranti irregolari mill-Afganistan, iċ-Ċina, it-Turkija, il-Bangladexx u l-Iraq. L-
Europol issuspettat li kull persuna ħallset lit-traffikanti madwar EUR 10 000.

Fl-istess ħin, Eurojust, il-korp tal-UE għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, għenet fil-ħruġ
ta’ mandati tal-arrest. Dawn jagħmluha iżjed faċli għal dawk li jinfurzaw il-liġi
f’pajjiż wieħed biex persuna ssuspettata li hi kriminali tiġi arrestata f’pajjiż ieħor.


Is-soluzzjoni l-iżjed ovvja hija iżjed verifiki stretti fil-punti tad-dħul uffiċjali.
Madankollu, huwa iżjed faċli li dan jintqal milli li jsir. Madwar 300 000 persuna minn
pajjiżi mhux fl-UE diġà jiġu rrifjutati d-dħul fil-konfini esterni tal-Unjoni kull sena
minħabba suspett li jistgħu jkunu immigranti illegali. Jeżistu fondi mill-UE għal dawk
il-pajjiżi tal-UE fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ewropa li għandhom ir-responsabbiltà
ewlenija għall-konfini tal-art u tal-baħar tal-Unjoni, sabiex jiżguraw li l-kontrolli fil-
fruntieri jkunu effiċjenti u effettivi kemm jista’ jkun possibbli.

L-għan tal-UE hu li tiġi żviluppata strateġija integrata tal-ġestjoni tal-konfini li
tagħmilha iżjed faċli li jidħlu turisti leġittimi u viżitaturi oħra għal perjodi qosra. Qed
tittieħed ukoll azzjoni sabiex issir iżjed diffiċli għall-immigranti li jidħlu illegalment
fl-UE, bl-użu tat-teknoloġija tal-informatika u strumenti bijometriċi (eż. marki tas-
swaba’) għall-identifikazzjoni. Iżda dawn huma proġetti fuq żmien twil.

Ripatrijazzjoni effettiva iżda umana

Ir-ritorn tal-immigranti illegali lejn il-pajjiżi minn fejn joriġinaw hu ta’ tħassib kbir.
L-Unjoni qed tinnegozja ftehim dwar it-trasferiment ma’ numri ta’ pajjiżi minn fejn
joriġinaw jew pajjiżi ta’ tranżitu. Politika soda iżda ġusta dwar ir-ritorn hi l-pedament
essenzjali għat-trattament tal-immigrazzjoni illegali. Fejn hu possibbli, tipprovdi għal
tluq volontarju minflok ritorn sfurzat.

Meta jibagħtu n-nies lura lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, l-Istati Membru tal-UE
għandhom jiżguraw li l-proċeduri legali jiġu rispettati u li d-drittijiet tal-bniedem ta’
dawk li jiġu ripatrijati ma jiġux miksura. Dan jinkludi d-dritt tal-appell. L-UE trid
ukoll tikkoopera ma’ xi pajjiżi tal-oriġini sabiex toħloq bażi iżjed ordnata u stabbli
għall-migrazzjoni legali fl-Unjoni Ewropea.

Konsegwenzi serji



                                                                                        13
L-immigranti li jkunu deħlin fl-UE permezz ta’ rotot klandestini fuq l-art u bil-baħar,
jew dawk li jkunu kisbu dokumenti tal-ivvjaġġar foloz, spiss ipoġġu lilhom infushom
f’idejn organizzazzjonijiet kriminali. Dawn jinkludu traffikanti tan-nies, gruppi tal-
estorsjoni, intermedjarji b’konnessjonijiet mal-ekonomija sewda u t-traffikanti tan-
nies. F’xi każijiet, jibqgħu jiddependu fuq dawn il-kriminali wkoll wara li jkunu
waslu fl-UE.

Il-pajjiżi tal-UE qed iżidu l-kooperazzjoni tal-pulizija tagħhom sabiex jikkumbattu
dawn il-kriminali. Qegħdin jippruvaw ukoll permezz ta’ mezzi differenti li jagħmlu l-
immigrazzjoni illegali inqas attraenti.

Mod wieħed ta’ kif dan isir hu bl-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni kontra min iħaddem
immigranti illegali mingħajr assigurazzjoni tas-saħħa jew protezzjoni soċjali u ħafna
drabi b’pagi li huma taħt il-livelli minimi. Dan it-tip ta’ ‘impjieg’ iwassal għal kritika,
li mill-bqija ħafna minnha hi bla bażi, li l-immigranti qed jieħdu x-xogħol taċ-ċittadini
tal-UE.

Konsegwenza serja oħra tal-immigrazzjoni illegali hi l-impatt negattiv li għandha fuq
ir-refuġjati ġenwini u persuni li jfittxu l-ażil li jaslu fl-UE. Xi kultant, l-immigranti
illegali jissottomettu talbiet foloz għall-ażil jew għall-istat ta’ refuġjat, u b’hekk
inaqqsu l-pass tal-ipproċessar ta’ talbiet għall-protezzjoni ġenwini. L-abbuż mis-
sistema tal-ażil b’dan il-mod ikompli jsaħħaħ il-perċezzjoni popolari li ħafna nies li
qegħdin ġenwinament ifittxu l-ażil jistgħu jkunu migranti ekonomiċi li qed jippruvaw
jidħlu fl-UE taħt pretensjonijiet foloz.




                                                                                        14
                                                 Ażil: l-obbligu ta’ protezzjoni
Jekk l-immigrazzjoni hi kwistjoni sensittiva, dan mhuwiex ġeneralment il-każ għal
dawk li jfittxu l-ażil, li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni, il-gwerra u l-ġlied. L-ewwel
nett, l-UE u l-pajjiżi membri tagħha għandhom l-obbligu li jipproteġuhom, kif
stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħhom, u testi internazzjonali oħra,
inkluża l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-istatus tar-refuġjati. Barra minn hekk, in-
numru ta’ persuni li jfittxu l-ażil fl-Unjoni Ewropea hu żgħir meta mqabbel man-
numru ta’ immigranti legali jew irregolari. In-numri żdiedu fil-perjodu bejn l-1999 u
l-2003 l-iżjed minħabba l-avvenimenti fil-Kosovo, l-Afganistan u l-Iraq iżda minn
dak iż-żmien ’l hawn reġgħu naqsu.

Madankollu, in-numru ta’ dawk li jfittxu l-ażil li jaslu fis-27 pajjiż tal-UE mhuwiex
imqassam b’mod ugwali. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika u d-daqs żgħir tagħhom,
Ċipru u Malta jieħdu ammont sproporzjonat. L-istess jiġri lill-Iżvezja, li l-politika
iżjed miftuħa tagħha għamlitha d-destinazzjoni tal-ażil preferuta għal refuġjati mill-
Iraq. Fis-snin riċenti, ħafna applikanti mill-ażil ġew mill-Iraq, ir-Russja, il-Pakistan,
is-Serbja, is-Somalja, l-Afganistan, it-Turkija, l-Iran u ċ-Ċina.

L-ewwel sett ta’ regoli

L-UE adottat sensiela ta’ regolamenti u liġijiet relatati mal-ażil bejn l-1999 u l-2006.
Dawn huma mmirati sabiex jiżguraw li l-pajjiżi tal-UE japplikaw kundizzjonijiet
simili u livelli ekwivalenti ta’ protezzjoni għal refuġjati li l-applikazzjonijiet tagħhom
ikunu qed jiġu pproċessati. Dawn ikopru wkoll it-trattament ġust u effiċjenti ta’ dawk
li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu miċħuda.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE tinkludi wkoll regoli għad-deċiżjoni dwar liema pajjiż tal-UE
hu responsabbli għall-ġestjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil. Dan jista’ jkun il-pajjiż
fejn daħlet il-persuna li qed tfittex l-ażil, il-pajjiż li ħarġilha l-viża, il-pajjiż fejn tinsab
il-persuna li qed tfittex l-ażil jew fejn għandha xi qraba. L-awtoritajiet jieħdu l-marki
tas-swaba’ ta’ dawk li jfittxu l-ażil, u jużawhom biex jipprevjenu n-nies milli
japplikaw f’diversi pajjiżi tal-UE fl-istess ħin, jew milli japplikaw fi Stat Membru tal-
UE ieħor wara li jkunu ġew miċħuda l-ażil f’pajjiż ieħor (‘xiri tal-ażil’).

Regoli oħra tal-UE jistabbilixxu standards proċedurali komuni għall-ġestjoni ta’
każijiet tal-ażil u kriterji komuni għad-deċiżjoni dwar min għandu jingħata l-ażil.
Jistabbilixxu wkoll kundizzjonijiet għal refuġjati u l-familji tagħhom waqt il-proċess
tal-applikazzjoni (jistgħu jaħdmu? X’aċċess għandhom għas-servizzi soċjali u l-kura
tas-saħħa? Jirċievu assistenza fi flus? Jew materjali?). Liġi separata tistabbilixxi kif il-
pajjiżi membri tal-UE għandhom jimmaniġġjaw sitwazzjoni fejn numri kbar ta’ nies
ikollhom bżonn ta’ protezzjoni temporanja fl-istess żmien.

L-UE ħolqot ukoll il-Fond Ewropew għar-Refuġjati fis-sena 2000 għall-appoġġ u t-
titjib tal-isforzi tal-Istati Membri għall-ġestjoni tal-applikazzjonijiet tal-ażil b’mod
ġust, effiċjenti u trasparenti.

Approċċ iżjed integrat għall-protezzjoni




                                                                                              15
Fil-prattika, madankollu, dawn il-liġijiet iħallu lil kull pajjiż tal-UE bi flessibbiltà
konsiderevoli fil-mod ta’ kif jiġu applikati, u dan iwassal għal differenzi fil-mod ta’
kif jiġu ttrattati dawk li jfittxu l-ażil. L-għan issa hu li tinħoloq sistema Ewropea tal-
ażil verament komuni li tiggarantixxi lil dawk li jfittxu l-ażil l-istess trattament u livell
ta’ protezzjoni madwar l-UE. Dan għandu jinkiseb billi jiġu mgħollija l-istandards tal-
protezzjoni komuni, bit-titjib tal-kooperazzjoni prattika fost amministrazzjonijiet tal-
ażil u bl-appoġġ tas-solidarjetà bejn pajjiżi tal-UE u bejn l-UE u terzi pajjiżi. Għandu
jingħata trattament ta’ prijorità lil refuġjati vulnerabbli bħal nisa u tfal.

Applikazzjonijiet ġodda għall-ażil, 1999–2008 (UE-27)

1999     2000    2001     2002     2003    2004     2005    2006     2007    2008
380 000 407 000 424 000 421 000 345 000 277 000 235 000 197 000 223 000 238 000

                                                                               Sors: Eurostat.




                                                                                          16
                                                   Qsim ta’ responsabbiltajiet
Għalkemm l-immigrazzjoni hi responsabbiltà nazzjonali ta’ kull pajjiż tal-UE, il-
bżonn għal azzjoni iżjed koordinata u komuni żdiedet fis-snin riċenti.

Is-suq uniku tal-UE jġib miegħu l-ħtieġa li l-Istati Membri tal-UE jaħdmu flimkien
f’numru ta’ każijiet. Dan jinkludi l-iżgurar li r-residenti barranin f’pajjiż wieħed ikunu
jgawdu l-istess drittijiet ta’ sigurtà soċjali bħaċ-ċittadini tal-UE, jekk jimxu lejn pajjiż
ieħor.

It-tneħħija tal-konfini fis-suq uniku tfisser ukoll li l-UE u l-membri tagħha għandhom
jassistu lil dawk il-pajjiżi b’responsabbiltajiet kbar għall-kontroll tal-wasla u t-tluq fil-
fruntieri esterni tagħha. Deċiżjonijiet li jittieħdu minn pajjiż wieħed tal-UE dwar,
pereżempju, li jingħataw amnestiji u għal-legalizzazzjoni tal-permanenza tal-
immigranti irregolari, jistgħu jfixklu l-isforzi tal-pajjiżi ġirien għall-kontroll tal-
immigrazzjoni illegali.

Kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu

Is-sħubija mal-pajjiżi minn fejn jiġu jew minn fejn jgħaddu l-immigranti hi waħda
mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea. Kooperazzjoni iżjed mill-viċin tista’ tippermetti
lill-awtoritajiet li jissorveljaw, jevalwaw, jidderieġu u jmexxu l-influssi tal-
migrazzjoni fl-interess kemm tal-Ewropej u kif ukoll tal-pajjiżi sħab barra l-UE.

Fl-2005, l-UE nediet l-approċċ globali għall-migrazzjoni bħala qafas ġenerali għal
dan. Din hi strateġija wiesgħa li tinkorpora diversi oqsma tal-politika f’qafas tal-
politika koerenti, li tkopri suġġetti relatati mal-politika barranija, il-migrazzjoni u l-
iżvilupp, u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali. Fl-istadju tal-bidu, l-azzjonijiet li
ttieħdu fil-qafas tal-approċċ globali kienu ffukati fuq l-Afrika u l-Mediterran,
imbagħad ġew estiżi għall-ġirien tal-UE lejn il-Lvant u x-Xlokk.

Inħarsu ’l quddiem

L-immigrazzjoni kienet u tibqa’ waħda mill-akbar 10 raġunijiet għat-tħassib taċ-
ċittadini Ewropej. Għaldaqstant hu fl-interess tal-UE u l-pajjiżi membri li juru li qed
jiżviluppaw strateġija globali għall-ġestjoni tal-immigrazzjoni għall-benefiċċju ta’
dawk kollha kkonċernati — l-UE, iċ-ċittadini tagħha, il-migranti u l-pajjiżi tal-oriġini
– filwaqt li jittrattaw b’id soda l-aspetti negattivi tagħha, prinċipalment l-influssi
illegali.




                                                                                          17
Solidarjetà finanzjarja
Il-gvernijiet f’xi pajjiżi tal-UE xi kultant ikollhom iwettqu xogħlijiet li minnhom
jibbenefikaw il-membri l-oħra kollha. Pereżempju, minħabba l-ġeografija tagħhom, il-
pajjiżi fin-Nofsinhar u l-Lvant iridu jipproteġu wkoll il-konfini għan-nom tal-pajjiżi
tal-UE li jinsabu iżjed lejn it-Tramuntana u l-Punent. Bħala sinjal ta’ solidarjetà, il-
mexxejja tal-UE ddeċidew li jaqsmu wħud mill-ispejjeż permezz tat-twaqqif ta’ erba’
fondi tal-UE b’baġit konġunt ta’ ’l fuq minn EUR 5 biljun għall-perjodu 2007-13.

   L-akbar minn dawn hu l-Fond għall-Konfini Esterni b’baġit ta’ EUR 1.8 biljun.
    Dan jitqassam fost il-pajjiżi tal-UE fuq il-bażi tal-piż relattiv li kull wieħed iġorr
    għall-kontroll tal-konfini esterni u tal-politika tal-viża. Il-flus tal-UE jgħinu għall-
    ħlas ta’ infrastrutturi għall-qsim tal-konfini, tagħmir tat-trasport għal għassiesa tal-
    fruntieri, kif ukoll għat-taħriġ u l-investiment fit-teknoloġija.

   Il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini minn Pajjiżi Terzi jgħin
    biex l-Istati Membri jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetajiet
    Ewropej. Il-fond jippromwovi d-djalogu interkulturali bejn l-immigranti u n-nies
    tal-lokal. Jipprovdi wkoll taħriġ fil-lingwa u jgħallem lill-immigranti dwar kif
    għandhom jadattaw biex jgħixu u jaħdmu fl-ambjent il-ġdid tagħhom.

   B’baġit ta’ EUR 676 miljun, il-Fond għar-Ritorn jappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi
    tal-UE sabiex titjieb il-ġestjoni tar-ritorn u l-issetiljar mill-ġdid tal-immigranti
    irregolari. Jipprovdi assistenza speċifika għal gruppi vulnerabbli u jkopri l-ispejjeż
    tar-ritorn inklużi dawk ta’ skorta, impjegati mediċi u interpreti.

   Il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, b’baġit ta’ EUR 628 miljun għall-2007-13,
    għandu l-għan li jespandi l-kapaċità tas-sistemi tal-ażil fil-pajjiżi tal-UE.
    Jappoġġja wkoll l-isforzi għall-issetiljar tar-refuġjati u ta’ dawk li jfittxu l-ażil fuq
    bażi ta’ żmien twil u għall-qsim tal-piż tal-aċċettazzjoni tar-refuġjati u dawk li
    jfittxu l-ażil b’mod iżjed bilanċjat fost l-Istati Membri.

Il-mexxejja tal-UE qed jirrispondu għal dan it-tħassib. Fis-samit ta’ Ottubru 2008,
huma adottaw Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil ġdid. Dan jipprovdi bażi
għal strateġija komuni li tippermetti lill-pajjiżi tal-UE li jaħdmu flimkien għall-
ġestjoni pożittiva u proattiva tal-influssi migratorji u li jżommu linja ġenerali fin-
numru dejjem jiżdied ta’ regoli u strateġiji komuni. F’dan il-Patt, il-mexxejja tal-UE
ffirmaw u daħlu għal ħames impenji politiċi.

   L-immigrazzjoni legali għandha tiġi ġestita b’mod li jikkunsidra l-prijoritajiet, il-
    bżonnijiet u l-kapaċitajiet tal-akkoljenza ta’ kull Stat Membru tal-UE. L-
    integrazzjoni għandha tiġi inkoraġġita.
   L-immigranti irregolari jiġu ripatrijati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom jew
    jintbagħtu lejn il-pajjiż tat-tranżitu.
   Il-kontrolli fil-konfini esterni tal-UE għandhom isiru iżjed effettivi.
   Se jinħoloq qafas madwar l-UE għall-ġestjoni ta’ dawk li jfittxu l-ażil.



                                                                                          18
   L-Unjoni se tħeġġeġ biex ikun hemm sħubiji ma’ pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu
    għall-promozzjoni tal-benefiċċji tal-immigrazzjoni għaż-żewġ naħat (evitar ta’
    ‘eżodu tal-imħuħ’, arranġament ta’ migrazzjoni ċirkolari kontrollata u tkabbir ta’
    assistenza tal-iżvilupp ekonomiku għal dawn il-pajjiżi).




                                                                                   19
QARI ADDIZZJONALI

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea toffri informazzjoni iżjed dettaljata dwar l-
immigrazzjoni u l-ażil f’:
ec.europa.eu/justice_home/index_en.htm u
europa.eu/pol/justice/index_mt.htm

Il-Kummissjoni ppubblikat Manwal dwar l-integrazzjoni għal dawk li jfasslu l-
politika u l-professjonisti li jista’ jinkiseb minn
ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/immigration/integration/doc/2007/handbo
ok_2007_mt.pdf

Frontex għandha l-websajt tagħha:
frontex.europa.eu




                                                                                   20

				
DOCUMENT INFO
Shared By:
Categories:
Tags:
Stats:
views:0
posted:5/26/2013
language:Unknown
pages:20
tang shuming tang shuming
About