Biographies Mal

					                         UNURI U GĦOTJIET 2010


                 L-ORDNI NAZZJONALI TAL-MERITU


                                 KUMPANN


                           JOSEF BONNICI K.O.M

Bonniċi twieled f’Birżebbuġa. Iggradwa b’B.A. (Hons) mill-Università ta’ Malta
u b’M.A. u Ph.D. mis-Simon Fraser University fil-Kanada fejn speċjalizza fl-
ekonometrija, il- makroekonomija u l-ekonomija monetarja.

Bonnici għallem il-makroekonomija u business finance fis-Simon Fraser
University u kien senior lecturer fl-ekonomija fid-Deakin University fl-
Awstralja. Fl-1988 kien maħtur professur tal-ekonomija fl-Università ta’ Malta
u fl-1991 bħala konsulent espert mal-Kunsill tal-Ewropa. Bejn l-1988 u l-1992
Bonnici serva bħala konsulent ekonomiku mal-Prim Ministru ta’ Malta.

Fl-1992 Bonnici kien elett fil-Parlament Malti. Fl-1993 kien maħtur Segretarju
Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi waqt li fl-1995 u fl-1998 inħatar Ministru
tas-Servizzi Ekonomiċi. Fl-2004 sar l-ewwel membru Malti fi ħdan il-Qorti
Ewropea tal-Awdituri u fl-2006 kien elett membru responsabbli mid-
dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni (DAS). Fl-2008 kien maħtur Dekan tal-grupp
li jikkordina tali dikjarazzjoni. Bonnici kien membru tad-delegazzjoni
Parlamentari Maltija fil-Kunsill tal-Ewropa, tad-delegazzjoni Maltija għall-
Kummissjoni għas-Sigurtà u Koperazzjoni fl-Ewropa, membru tal-Kumitat
Parlamentari Konġunt Malta-Unjoni Ewropea u membru-osservatur tal-
Parlament Ewropew.

Fl-1996 ingħata dottorat fl-Istudji Umanistiċi (Honoris Causa) mill-Università
Rikkyo, tal-Ġappun. Bonnici ppubblika Macroeconomics u huwa ko-awtur ta’
Malta in the European Community, Economic and Commercial Perspectives
ippubblikat mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta. Ktieb ieħor li Bonnici ppubblika
huwa Why is Canada’s Unemployment Rate so High? Ippubblika wkoll artikli
f’diversi rivisti lokali u barranin.
                                  UFFIĊJAL


                          HENRY FRENDO U.O.M.

Studja fil-Liċeo u l-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa b’B.A., B.A.
(Hons) u M.A. Frendo ottjena wkoll Dottorat fil-Filosofija (D.Phil) mill-
Università ta’ Oxford kif ukoll studja fl-Università ta’ Perugia.

Frendo hu Professur tal-Istorja fl-Università ta’ Malta (1992-) u hu Professur
mistieden f’diversi universitajiet fl-Ewropa, l-Awstralja u l-Istati Uniti tal-
Amerika.

Frendo ssieħeb fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Għolja tal-Nazzjonijiet Uniti għar-
Refuġjati f’Ġinevra u matul is-sebgħajnijiet u t-tmeninijiet serva mal-UNHCR
fl-Ewropa, fl-Afrika u l-Asja. Hu kien involut ukoll fl-affarijiet governattivi
kemm lokali u kemm reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa sa mill-1994.

Frendo kiteb bil-bosta dwar l-Istorja ta’ Malta, dik Imperjali u tal-
Commonwealth kif ukoll dwar il-politika Mediterranja u l-immigrazzjoni.
Bħala editur Frendo editja l-iStorja sa mill-1978. Frendo ilu assoċjat mal-
Journal of Mediterranean Studies sa mill-1991 apparti li kiteb diversi reviews.
Frendo kkordina u ppreżenta diversi programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni
dwar l-istorja u l-kultura Maltija kif ukoll dwar ġrajjiet kurrenti u politiċi.

Frendo kien l-ewwel Sindku ta’ Ħ’Attard, l-ewwel Ċermen tal-Assoċjazzjoni
tal-Kunsilli Lokali u President tal-Kulleġġ tas-Sindki. Frendo mexxa d-
delegazzjoni Maltija għall-Kungress Ewropew tal-Awtoritajiet Lokali u
Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa (1994-96, maħtur mill-ġdid 1996-1998) fi
Strasburgu.

Preżentament Frendo hu d-Direttur tal-Istitut tal-Istudji tal-Malti fl-Università
ta’ Malta, u Ċermen tal-Bord tal-Appelli dwar ir-Refuġjati u Gvernatur tal-
Asia-Europe Foundation.



                           MEMBRU ONORARJU


                     JOSEPH ELIAS KHOURY M.O.M.

Bħala viċi-President u General Manager tal-Taqsima Ewropea tal-Methode
Electronics , Khoury ilu responsabbli mill-impjant ta’ Malta sa mis-sena 2006.
Kien bl-impenn u l-ħidma tiegħu li l-kumpanija ssaħħet u żiedet l-impjegati.
Khoury introduċa wkoll teknoloġija ta’ manifattura u servizz, programmi ta’
management u ta’ riċerka u żvilupp. Khoury mexxa l-impjant tal-kumpanija
f’Malta fuq il-filosofija ta’ lean management u b’hekk żied l-effiċjenza fil-
produzzjoni.

Il-fiduċja ta’ Khoury fil-kumpanija u f’Malta kif ukoll il-kapaċità tiegħu fl-
istrateġija maniġerjali ħarġet fid-deher matul ir-riċessjoni dinjija tal-2008/09.
Minflok ma naqqas il-ħaddiema jew ċekken l-impjant f’Malta Khoury ħadem
mill-qrib mal-azzjonisti tal-organizzazzjoni biex imbarkaw fuq pjan ġdid għat-
tkabbir tal-impjant. Dal-pass salva l-impjiegi filwaqt li kien, fih innifsu,
impenn lejn tkabbir f’Malta wara r-riċessjoni.

Din l-istrateġija ġiet replikata minn organizzazzjonijiet oħrajn ta’ natura simili
f’Malta u b’hekk inġiebet stabilità fl-ekonomija Maltija f’perjodu li kien tant
diffiċli għal ħafna oħrajn. Bħala konsulent u partner tal-Gvern, Khoury uża l-
esperjenza u l-viżjoni tiegħu għall-ġid ta’ Malta.

L-impenn ta’ Khoury lejn dan il-pajjiż u lejn l-impjegati tiegħu huwa
kontinwu. Hu jaħdem b’mod sfiq sabiex isaħħaħ il-ħiliet tal-impjegati tiegħu u
jiżgura l-kompetittività tal-intrapriża tiegħu fi swieq internazzjonali. Khoury
imexxi b’għaqal in-negozju Ewropew tal-Methode Electronics mill-bażi tal-
kumpanija f’Malta.


                           DAVID WALSH M.O.M.

Walsh huwa l-Kap Eżekuttiv Ewlieni u fundatur tal-Crimsonwing. Wara żmien
jgħallem fl-Afrika tal-Lvant, fl-1986 Walsh beda karriera fit-tekonoloġija tal-
informatika mal-IBM fejn kien responsabbli għal diversi klijenti fir-Renju
Unit. Fl-1996 Walsh ifforma l-kumpanija Crimsonwing. F’perjodu ta’ 10 snin
irnexxielu li minn sempliċi kunċett jibni negozju internazzjonali li jħaddem
230 impjegat.

Crimsonwing hija kumpanija li toffri soluzzjonijiet tal-informatika bi storja
ta’suċċessi kbar u bi klijentela vasta. Dil-kumpanija tipprovdi firxa wiesgħa ta’
servizzi inkluż l-immaniġjar komplet ta’ proġetti. Crimsonwing tagħti servizzi
effiċjenti lill-klijenti tagħha grazzi għas-servizzi mogħtija mid-diversi
konsulenti ibbażati f’Malta.

Crimsonwing għandha bażi soda ta’ ‘l fuq minn 150 klijent tal-informatika mir-
Renju Unit, Olanda u Malta, liema klijenti jfittxu s-servizzi tagħha b’mod
regolari.

Walsh fetaħ l-impjant tiegħu f’Malta fil-bidu tal-1998 u llum jimpjega mal-160
impjegat. Crimsonwing hi kumpanija sinifikanti ħafna għal pajjiżna fejn qed
toħloq impiegi ta’ valur għoli miżjud f’qasam li hu vitali għall-ekonomija
lokali. Il-ħidma kontinwa u l-impenn ta’ Walsh lejn pajjiżna huwa ta’ min
ifaħħarhom.

Walsh jaħdem sfiq sabiex iħajjar il-klijenti tiegħu jinvestu f’Malta waqt li
jfittex li jippromovi lil pajjiżna bħala l-post ideali biex wieħed jinvesti u
jagħmel profit.



                                    MEMBRI


                         VICTOR CALVAGNA M.O.M.

Konsulent Pedjatra fil-qasam tal-Onkoloġija tat-tfal fl-Isptar Mater
Dei. Calvagna ma jikkuntentax ruħu b’dak li hu obbligat jagħmel bħala
konsulent pedjatra imma jfittex li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk it-tfal u l-
ġenituri tagħhom li jkunu ġew milquta minn din il-marda qerrieda. Calvagna
wkoll jaħdem bis-sħiħ biex jilqa’ għall-bżonnijiet oħra li t-tfal morda u l-familji
tagħhom jistgħu jiġu bżonn. Hu fil-fatt wieħed mill-membri li waqqaf il-
Fondazzjoni Puttinu Cares. Din il-fondazzjoni ġiet imwaqqfa apposta sabiex
ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk it-tfal li jkunu milquta mill-marda tal-
kanċer.

Calvagna jfittex li jagħmel kuntatt kontinwu mal-isptarijiet barra minn Malta
biex ikun jista’ joffri l-aqwa kura konvenzjonali li teżisti għal kull tip ta’
kanċer li l-pazjenti jkollhom. Huwa magħruf l-aktar għall-impenn tiegħu biex
jassigura l-aqwa kwalità ta’ ħajja possibbli għal dawk li jiġu kkurati minnu.
Bis-saħħa tal-motivazzjoni u l-impenn tiegħu l-pazjenti mhux biss jiġu trattati
b’dinjità imma jħossuhom li huma stmati u rrispettati. Calvagna jiddedika
ħafna u ħafna ħin jiddiskuti l-marda nnifisha, l-effetti tagħha u l-għażla tal-kura
l-aktar addattata kemm mal-pazjenti żgħar u kemm mal-familji tagħhom. Hu
jaħdem bla heda biex jgħin lill-pazjent u lill-familjari tiegħu jtaffu l-biża’, id-
dubji u l-anzjetajiet tagħhom.

Permezz tal-ħidma sfiqa, il-ħila u d-dedikazzjoni tiegħu il-kura f’Rainbow
Ward fl-Isptar Mater Dei ħadet spinta ’l quddiem. It-tobba speċjalisti barranin
li ta’ kull sena jiġu biex jaraw il-każijiet diffiċli tal-kanċer tat-tfal dejjem
jibqgħu impressjonati bix-xogħol tat-tim ta’ tobba u infermiera li jaħdmu
miegħu.

Calvagna hu wkoll bniedem li jipprattika l-isports u l-eżerċizzju fiżiku għax
jemmen li bħala persuna irid ikun b’saħħtu fiżikament u mentalment jekk irid
joffri l-aħjar kura lill-pazjenti tiegħu. Calvagna juża l-isports ukoll biex jgħin
għaqdiet tal-karità bħal Puttinu Cares, LifeCycle, Inspire u Caritas.
                          JOHN MANDUCA M.O.M.

Awtur, xandar u diplomatiku, Manduca kien Kummissarju Għoli għal Malta
f’Londra bejn l-1987 u l-1990, kif ukoll Ambaxxatur għal Oslo, Stokkolma u
Kopenħagen u anke għal Dublinu fl-1990. Hu ssieħeb mal-Allied Malta
Newspapers fl-1945 u nħatar Deputat Editur tat-Times of Malta u
korrispondent ta’ Malta għad-Daily Telegraph u s-Sunday Telegraph ta’
Londra. Wara li għamel xi żmien bħala uffiċjal imsieħeb mal-BBC kien
maħtur Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir u wara Direttur Maniġerjali tar-
Rediffusion Group of Companies f’Malta. Fl-1983 inħatar Direttur Ġenerali
tal-Confederation of Private Enterprise u bejn l-1991 u l-1993 hu serva bħala
Direttur u Station Manager tar-radju RTK. Fl-2003 ġie mogħti l-‘Gold Award’
għas-sehem professjonali tiegħu fil-qasam tal-ġurnaliżmu u fl-2005 ingħata
ġieħ għall-kontribuzzjoni tiegħu fit-turiżmu kulturali.

Manduca kien ukoll Ċermen tal-Bord dwar il-Lukandi u Stabbilimenti li
Jipprovdu l-Ikel, u fundatur tal-Committee for the Wireless for the Blind,
Ċermen u wara Trustee tas-St Edward’s College, membru tal-Eżekuttiv tal-
International Walled Town Friendship Circle u fundatur u Ċermen tal-Imdina
Cultural Association u kif ukoll tas-St. Agatha Restoration Fund. Manduca
kien ukoll Deputat Ċermen tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti u l-Kap tal-
pubblikazzjonijiet tal-istess Patrimonju. Hu kien editur ta’ Treasures of Malta
 u Editur Ġenerali ta’ numru ta’ pubblikazzjonijiet tal-Patrimonju, li tlieta
minnhom ġew mogħtija premjijiet mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Hu ġabar
u editja l-Malta Who’s Who 1987, u hu l-awtur ta’ Welcome Guide to: Malta
and Gozo, Mdina and Rabat, Valletta and the Three Cities u The Bride of
Mosta. Hu ppubblika wkoll The Bonham – Carter diaries (1936-1940), The
Flavour of the Mintoff Era u huwa koawtur ta’ The Pens that Felled the Mighty
– 100 years of British cartoons on Malta.


                        TONIO PORTUGHESE M.O.M.

Portughese hu assoċjat mal-qasam tal-industrija peress li għal perjodu ta’ aktar
minn 35 sena dejjem kellu ħatriet maniġerjali għolja kemm f’Malta kif ukoll fl-
Italja, Franza, Marokk, Singapore, iċ-Ċina u l-Malasja fejn iffoka l-aktar fuq
programmi ta’ żvilupp tar-riżorsi umani.

Portughese studja fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa b’B.A. (Hons) u M.A.
bi speċjalizzazzjoni fl-Università ta’ Oxford u l-Università degli Studi,
Firenze. Fl-1988, seba’ snin wara li kien issieħeb ma’ SGS-ATES bħala
Maniġer responsabbli għar-Riżorsi Umani u Relazzjonijiet Esterni Portughese
nħatar Direttur tal-kumpanija u Direttur fuq il-bord ta’ riċerka tal-konsorzju
CORIMME f’Catania.

Matul l-aħħar snin kien strumentali biex iffaċilità d-diskussjonijiet kruċjali bejn
il-Gvern Malti u l-ST Microelectronics International billi ħadem ħafna biex
jintlaħaq kunsens nazzjonali dwar il-futur tal-kumpanija f’Malta. Dan il-ftehim
kiseb l-appoġġ tal-impjegati nfushom u b’hekk infetħet opportunità għal
programm ta’ investimenti ġodda fl-ogħla teknologija. Illum l-industrija tal-
esportazzjoni tas-semiconductors f’Malta ħadet spinta ’l quddiem.

Portughese hu attiv ħafna fil-qasam tat-taħriġ u żvilupp. Jgħallem l-
Management fil-Fakultà tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta u fil-Performance
Management fl-Università li l-ST għandha f’Aix-en-Provence, Franza u li
tagħha hu fundatur. Riċentament hu ppubblika l-ktieb People Engagement for
Business Excellence and Social Well-Being.

F’Malta hu ħaddem l-esperjenza estensiva li kiseb barra minn Malta billi serva
fuq il-Kunsill tal-Università ta’ Malta, il-Korporazzjoni Maltija tal-Iżvilupp
(Direttur), il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (Ċermen), MIMCOL-Malta
Government Investments (Direttur), l-MCAST (Gvernatur u Deputat Ċermen),
PBS Ltd (Direttur), it-Tribunal Industrijali (Ċermen) u l-Assoċjazzjoni Maltija
ta’ Min Iħaddem (President). Fil-karriera twila tiegħu Portughese kien
konsulent fis-Sistemi Maniġerjali għall-Senior Management tal-ST
Microlectronics f’Casablanca, il-Marokk. Serva wkoll bħala konsulent għall-
Kurja tal-Arċisqof u istituzzjonijiet tal-Knisja fuq relazzjonijiet umani u x-
xogħol.

Fl-2001 Portughese ngħata d-dekorazzjoni ta’ Cavaliere dell’Ordine al Merito
della Repubblica Italiana għall-ħidma sfiqa biex jiġu intensifikati r-
relazzjonijiet industrijali, ekonomiċi u kulturali bejn Malta u l-Italja. Sentejn
wara ngħata l-HR Practitioner of the Year mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tar-
Riżorsi Umani f’Malta.

Portughese huwa membru tal-Casino’ Maltese, Lions Club Sliema u Rotary
International.


                        PETER PAUL RIPARD M.O.M.

Imwieled fl-1937, Ripard irċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ St.
Edward’s. Għal tnejn u tletin sena, serva mar-Royal Malta Artillery fejn kien
mogħti l-kummissjoni fir-rank ta’ Second Lieutenant fir-Royal Military
Academy ta’ Sandhurst, f’Lulju tal-1956. Bħala parti minn dan is-servizz,
Ripard serva għal perjodu ta’ erba’ snin mal-British Army of the Rhine fil-
Ġermanja fejn ir-reġiment tiegħu ngħata ħidma b’konnessjoni mat-trasport.

Ripard inħatar l-ewwel General Manager tal-Awtorità dwar it-Trasport Pubbliku
f’April 1989 u wara konsulent taċ-Ċermen tal-istess Awtorità. Hu nħatar ukoll
Ċermen tal-Bord dwar il-Kontroll tat-Traffiku bejn l-1994 u l-2002. Ripard kien
strumentali sabiex tfassal pjan ta’ azzjoni għall-klassifikazzjoni tat-tipi ta’ toroq
f’Malta u Għawdex u sussegwentement kien involut fir-reviżjoni tal-Kodiċi
għat-Traffiku fit-Triq.

Ripard kellu diversi ħatriet Ministerjali oħra inkluż: membru tal-grupp ta’
ħidma bil-għan li jagħmel proposti lill-Gvern dwar leġiżlazzjoni għall-maniġjar
aħjar tat-traffiku, membru tal-iSteering Committee for Controlled Parking
Schemes, membru tal-Grupp ta’ Ħidma fuq it-Turiżmu, u membru tal-Kumitat
dwar is-Sistema ta’ Infurzar Lokali

Ripard hu konsulent ma’ Transport Malta dwar is-sigurtà fis-sewqan u Chief
Instructor tal-eżaminaturi li jeżaminaw is-sewwieqa. Dan l-aħħar inħatar Viċi-
President tal-Executive Committee of the International Committee for Driver
Testing (CIECA). Bil-ħila tiegħu s-CIECA għażlet lil Malta bħala d-
destinazzjoni għat-43 Kungress li se jinżamm f’Mejju 2011.

Ripard kien membru tal-Malta Football Association Referees’ Board.          Hu
jgawdi rispett kbir bħala espert fl-istorja militari tal-Gżejjer Maltin.


                        CARMEN ZAMMIT M.O.M.

Fl-2007 Zammit inħatret Kummissarju għat-Tfal għal tliet snin. Għal aktar
minn 40 sena Zammit kienet personalità fil-qasam soċjali, b’esperjenza vasta
fil-qasam tat-tfal, l-adolexxenti żvantaġġati u emozzjonalment disturbati, kif
ukoll fil-qasam tas-servizzi soċjali.

Zammit għandha ċertifikat post-graduate fis-Social Work Management mill-
Università ta’ Malta u diploma bħala Assistente Sociale mill-iScuola Superiore
di Servizio Sociale f’Reggio Calabria, l-Italja.

Zammit, li bdiet il-karriera tagħha bħala għalliema fi skejjel primarji, kienet
Direttur fid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja u ta’ spiss kienet tkun
mistiedna biex tgħallem fl-Università ta’ Malta u l-Malta University
Services. Hi kienet ukoll Direttur ta’ żewġ programmi residenzjali għal tfajliet
b’diffikultajiet emozzjonali.

Fl-2004 Zammit inħatret President tal-Bord dwar il-Professjoni tax-Xogħol
Soċjali. Kellha ħatriet fuq diversi bordijiet u kummissjonijiet lokali, fosthom
fil-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ u l-Bord ta’ Tmexxija tal-
Conservatorio Vincenzo Bugeja.

Zammit ikkordinat għal xi snin ix-xogħol tal-Kongregazzjoni tar-Ragħaj it-
Tajjeb f’Malta, liema kongregazzjoni tieħu ħsieb żgħażagħ bi problemi, xebbiet
mhux miżżewġa li qed jistennew tarbija u nisa bi problemi serji fiż-żwieġ
tagħhom. Zammit waqqfet ċentru ta’ Counselling f’Raħal il-Ġdid fis-sena
1971.
Zammit ħadet sehem f’diversi programmi ta’ taħriġ, konferenzi u laqgħat
kemm f’Malta u kemm barra minn Malta.



             MIDALJA GĦALL-QADI TAR-REPUBBLIKA


                       VINCENT ESPOSITO M.Q.R.

Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja ta’ Bormla u kompla jistudja fil-
Liċeo tal-Belt Valletta. Esposito, protagonista ewlieni fl-istorja
trejdjunjonistika ta’ pajjiżna irrappreżenta b’mod den lill-ħaddiema Maltin
kemm f’Malta kif ukoll fil-qasam internazzjonali.

Esposito daħal fid-dinja tax-xogħol ta’ 16-il sena u sentejn wara kien diġà
beda jaħdem b’impenn fi ħdan il-General Workers Union fejn baqa’ jistinka
għal 67 sena. Beda bħala żagħżugħ attiv fil-GWU biex mat-twaqqif tat-
Taqsima tal-Partikular, li barra l-ħaddiema tax-xatt kienu wkoll imsieħba
magħha l-ħaddiema tal-industrija privata, inħatar Assistent Aġġunt. Okkupa
wkoll il-kariga ta’ Deputat Segretarju Ġenerali u anke ta’ Aġent
Segretarju Ġenerali fi ħdan il-GWU.

Matul iż-żmien li għamel Deputat Segretarju Ġenerali, Esposito, li kien dejjem
meqjus bħala persuna ta’ ftit kliem u moderat fil-ħsieb tiegħu, kien vuċi
ewlenija tal-ħaddiema Maltin fl-Assemblea Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tax-
Xogħol, l-ILO. Esposito kien ukoll membru ta’ diversi bordijiet fosthom in-
National Labour Board, Port Works Joint Council u diversi Kunsilli tal-Pagi.

Esposito ta sehem importanti u dirett fit-tfassil tal-ewwel ftehim kollettiv li
tfassal flimkien mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, ftehim li serva ta’ mudell
għal ftehim li ġew wara. Kien ukoll involut fit-twaqqif tat-Tribunal
Industrijali.

Membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani mit-twaqqif tiegħu fl-2007 u
membru attiv fl-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti Maltin.
Fundatur tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU u wieħed mill-membri tal-ewwel
kumitat tal-Youth Movement (GWU).

Riċentament Esposito ngħata l-unur Ġieħ il-GWU.


                         CARMEL FENECH M.Q.R.

Wieħed mill-fundaturi tal-German-Maltese Circle, Fenech jibqa` sinonimu
mat-tixrid tal-lingwa u kultura Ġermaniża f’Malta. Bħala l-President tas-Circle
għal 31 sena (1970-2001) Fenech rawwem relazzjonijiet tajbin bejn iż-żewġ
pajjiżi u l-popli tagħhom, permezz ta’ diversi attivitajiet soċjali, kulturali u
edukattivi, inklużi avvenimenti sportivi u oħrajn mużikali. Waqt li okkupa din
il-kariga Fenech witta t-triq biex il-Ġermaniż jibda jiġi mgħallem fl-iskejjel
Maltin u appoġġja wkoll it-tagħlim tal-istess lingwa permezz ta’ korsijiet
offruti mis-Circle nnifsu taħt l-awspiċji tal-Goethe Institute. Attwalment ’il
fuq minn 800 student jattendu korsijiet offruti mis-Circle f’suġġetti varji,
inkluż il-management, it-teknika bankarja u n-negozju.

Il-kisbiet u l-ħidma tal-German-Maltese Circle – deskritt bħala ‘uniku’ mill-
President Federali tal-Ġermanja, Dr. Richard Von Veizsacher – ġew
rikonoxxuti mill-Gvern Ġermaniż li ta appoġġ finanzjarju biex jinkiseb Palazzo
Messina bħala l-kwartieri ġenerali permanenti tas-Circle. Barra minn hekk,
bħala rikonoxximent tal-appoġġ kontinwu tiegħu, fl-1988 Fenech ingħata
wieħed mill-ogħla unuri li l-Gvern Ġermaniż jikkonferixxi, l-Officer’s Cross of
Merit tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Ix-xogħol assidwu ta’ Fenech biex iqarreb dejjem aktar lil Malta u lill-
Ġermanja u dak kollu li jirrappreżentaw ikkontribwixxa għar-relazzjonijiet
eċċellenti li attwalment hemm bejn iż-żewġ pajjiżi u ċ-ċittadini tagħhom.


                         GEORGE FENECH M.Q.R.

Imwieled il-Mellieħa, Fenech studja l-arti fl-Iskola tal-Arti tal-Gvern taħt id-
direzzjoni ta’ Vincent Apap u Emvin Cremona. Fenech ġie l-ewwel fl-eżami
għall-borża ta’ studju offruta mill-iskola u hekk kompla l-istudji tiegħu fir-
Reggia Accademia di Belle Arti f’Ruma taħt it-tmexxija ta’ Amengo Bartoli,
Mino Maccari u Mario Rivosecchi. Minħabba s-suċċess li kellu, il-borża ta’
studju tiegħu ġiet estiża biex Fenech seta’ jkompli jistudja fl-Scuola Arti
Ornamentali San Giacomo taħt id-direzzjoni ta’ Ferruccio Ferrazzi u Ciotti fejn
speċjalizza fit-teknika tal-affresk. Fl-istess perjodu Fenech attenda ukoll iċ-
Circolo Artistico.

Lura f’Malta, Fenech pitter numru ta’ kwadri sagri b’temi profondi, fosthom
Id-Depożizzjoni li hi meqjusa bħala l-aktar xogħol monumentali tiegħu. Ix-
xogħol tiegħu jinkludi portraits, natura morta u pajsaġġi lokali li bosta
minnhom huma ispirati mill-widien u l-irziezet madwar il-villaġġ tal-Mellieħa.
Il-viżjoni personali u poetika tiegħu hi ta’ kontribut kbir għall-pajsaġġ Malti.

Fenech ta kontribut kbir fix-xena artistika lokali kemm permezz tal-
produzzjoni prolifika tiegħu, u anke permezz tal-karriera twila tiegħu fil-qasam
edukattiv, fejn ferrex bis-sħiħ l-imħabba profonda lejn l-arti fost l-istudenti
tiegħu. Bil-ġenerozità u s-sinċerità tiegħu, kien il-moħħ wara l-edukazzjoni
artistika ta’ numru ta’ artisti.
Fenech tella’ diversi wirjiet personali lokalment u ħa sehem ukoll f’diversi
wirjiet kollettivi f’Malta, f’Londra, f’Edinburgh u fl-Istati Uniti tal-Amerika.
Fenech kien ikkummisjonat għal diversi xogħlijiet tal-arti f’lukandi lokali.

Bosta pitturi ta’ Fenech jinsabu f’diversi kollezzjonijiet kemm f’Malta, fl-Italja,
fil-Ġermanja, fil-Kanada, fl-Ingilterra u anke fl-Istati Uniti tal-Amerika.


                        MARYANN KISSAUN M.Q.R

Ta’ eta żgħira studjat il-mużika ma’ Giovanna Bascetta u Carmelo Pace.
Kissaun ingħatat żewġ boroż ta’ studju mill-Associated Board of the Royal
Schools of Music u l-British Council, biex b’hekk Kissaun studjat għal tliet snin
fir-Royal College of Music, Londra. Kompliet l-istudji tagħha kemm f’Ruma u
kif ukoll f’Londra ma’ pjanisti u mużiċisti rinomati, bħal Ornella Puliti
Santoliquido, Arturo Benedetti Michelangeli u Peter Karin, fost oħrajn.

F’Malta Kissaun tat diversi recitals matul is-snin fuq ir-Redifussion, it-
televiżjoni, fil-British Institute u fit-Teatru Manoel fejn daqqet għall-ewwel
darba xogħlijiet kontemporanji Ingliżi, Russi u Maltin għall-pjanu. Kissaun tat
ukoll diversi kunċerti barra minn Malta fejn spiss inkludiet xogħlijiet ta’
Carmelo Pace, Charles Camilleri u Pawlu Grech. Fil-qasam tat-tagħlim tal-
mużika, hi rnexxielha tagħmel suċċess notevoli. Kissaun kienet Chairperson
tal-British Council Scholars’ Association (Malta) għal sentejn.

Ibbażata f’Londra, Kissaun daqqet f’diversi recitals, kunċerti għall-pjanu u
musica di camera madwar l-Ewropa kollha, fl-Afrika ta’ Fuq, fl-Arġentina u
fil-Messiku. Dehret bħala solista f’festivals internazzjonali u pparteċipat
f’Master Classes fl-Iżvizzera, il-Messiku u l-Istati Uniti tal-Amerika. Diversi
kunċerti ta’ Kissaun ixxandru fuq numru ta’ radjijiet fl-Ewropa apparti fuq ir-
Radio Nacional de Buenos Aires. Tat ukoll diversi recitals għall-pjanu u vjolin
fl-Ewropa.

Kissaun serviet f’diversi panels ta’ esperti f’Malta u barra minn Malta. Kienet
Professur tal-pjanu fil-London College of Music u f’okkażjonijiet oħra ħadet
post xi professuri li kienu indisposti fir-Royal Academy of Music f’Londra.
Kissaun ingħatat diploma speċjali mill-Associazione Artistica Internazionale
(Ruma) u l-iStar and Cross of Academic Honour (American International
Academy).


                            MARY MAGRI M.Q.R.

Imwielda fl-1932, Magri attendiet l-iskola primarja f’Ħal Luqa u l-iskola
sekondarja ta’ St Joseph. Għamlet xi żmien tgħallem il-matematika fl-istess
skola. Fl-età ta’ 25 sena bdiet titħarreġ bħala infermiera u kkwalifikat bħala
State Registered Nurse fl-1960. Magri bdiet taħdem bħala infermiera fl-1961
fis-swali tat-tfal. F’Settembru 1962 ingħatat borża ta’ studju f’Kent, l-
Ingilterra fuq Thoracic Nursing. Aktar tard kompliet l-istudji billi attendiet
kors tal-Pedjatrija fil-Great Ormond Hospital f’Londra.

Lura f’Malta fi Frar tal-1965 Magri ħadmet fl-Isptar San Luqa fis-swali tat-tfal
u aktar tard kienet tieħu ħsieb in-nursery fl-istess sptar. Fl-1967 Magri ingħatat
borża ta’ studju dwar il-Hospital Nursing Administration fir-Royal College of
Nursing. Lejn l-aħħar tal-1968 bdiet karriera bħala tutor fl-iskola tan-Nursing
fejn damet għal tliet snin.

Wara din l-esperjenza Magri ntbagħtet bħala Nurse-in-Charge fil-Klinika
Dijabetika tal-Mosta u ħadet ħsieb il-ftuħ tal-Klinika Dijabetika ta’ Raħal Ġdid.
Matul dan il-perjodu kienet ukoll responsabbli minn studju dwar id-dijabete
f’Malta kkummissjonat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Kienet ukoll
maħtura bħala Nurse-in-Charge tas-servizzi komunitarji. Fl-1980 Magri kienet
magħżula mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa sabiex tagħmel kors fil-
Ġerjatrija fil-Komunità f’Edinburgh, l-Iskozja. Kienet issejħet bħala konsulent
temporanju meta tnieda l-programm Health for all 2010.

Temmet il-karriera tagħha bħala Matron u rtirat f’Awwissu tal-1993.


                         MARIO MICALLEF M.Q.R.

Imwieled il-Belt Valletta, Micallef hu wieħed mill-atturi stabbiliti f’Malta. Hu
studja fil-Kulleġġ ta’ De La Salle u f’dak ta’ Stella Maris. Il-ġibda ta’ Micallef
lejn il-palk bdiet mill-Azzjoni Kattolika Sezzjoni tal-Belt. Micallef, li tgħallem
id-drama waħdu matul is-snin, ħadem u għadu jaħdem ma’ diversi kumpaniji
teatrali. Fl-1988 ifforma l-kumpanija Talenti bil-ħsieb li jtella’ xogħlijiet
oriġinali ta’ awturi Maltin. Il-Kumpanija Talenti ppreżentat għall-ewwel darba
f’Malta fit-Teatru Nazzjonali xogħolijiet ta’ William Shakespeare bil-Malti fuq
traduzzjonijiet ta’ Alfred Palma u dan l-aħħar il-produzzjoni La Divina
Commedia ta’ Dante Alighieri, ukoll fuq traduzzjoni ta’ Palma.

Micallef għandu esperjenza fir-reċtar, fid-direzzjoni u anke fil-produzzjoni ta’
xogħlijiet kemm komiċi kif ukoll serji. Hu ħa parti f’diversi teleplays u
teleseries għat-televiżjoni. Ir-ripertorju tiegħu jinkludi, fost l-oħrajn Il-
Kerrejja ta’ Ġużè Chetcuti, F’Baħar Wieħed ta’ Lino Grech, L-Onorevoli tar-
Raħal, Padruni u Qaddejja u Rewwixta tal-Prof. Oliver Friġġieri, Il-Ħadd fuq
il-Bejt u L-Imnarja Żmien il-Qtil ta’ Francis Ebejer.

Fost l-aħjar teleplays li, apparti li dderieġa u pproduċa, ħadem ukoll il-parti
ewlenija nsibu It-Tfal Jiġu bil-Vapuri (2003), La Jibnazza Niġi Lura (2006), u
Dik id-Dgħajsa f’nofs il-Port (2009) kollha tal-Prof. Oliver Friggieri. Fit-
teleserial It-Tfal Jiġu bil-Vapuri, Micallef rebaħ il-premju tal-aħjar attur
televiżiv bil-karattru ta’ Dun Grejbel.

Micallef kien l-attur ewlieni u l-protagonista f’diversi wirjiet bħal Il-Politiku
Korrott (2005), Il-Qassis (2006), L-Imfietaħ (2007), u diversi xogħlijiet ta’
Shakespeare lkoll imtella’ mill-kumpanija Talenti li tagħha hu d-direttur. Fl-
1999 hu ħadem disa’ karattri differenti fid-dramm L-Imġarrab waqt li
riċentement, f’Novembru li għadda, Micallef ta wirja impekkabbli meta
interpreta l-karattru ta’ Dante Alighieri fil-La Divina Commedia xogħol
impenjattiv li ttella’ xorta waħda minkejja li Micallef kien safa’ vittma ta’
inċident li sofra lejliet l-performance. Barra dan hu ħadem il-parti ta’ Kristu
għal mhux inqas minn 17-il sena f’diversi paġents ta’ żmien il-Għid.

Micallef ħadem ukoll karattri fil-films li nħadmu Malta, Orca the Killer Whale,
Lion of the Desert u Midnight Express.


                         ALVIN SCICLUNA M.Q.R.

Scicluna huwa persuna ta’ impenn professjonali li jaħdem fil-kamp tax-xandir
nazzjonali, b’aċċenn partikolari fuq Għawdex, art twelidu.

Beda l-karriera tiegħu bħala għalliem u hu kofundatur tal-Għaqda Sportiva
f’Għawdex. F’Ottubru tal-1988 beda jipproduċi programm ġdid dwar ġrajjiet
Għawdex, Għawdex Illum, programm li llum qiegħed fit-tlieta u għoxrin
sensiela tiegħu. Scicluna ġie onorat tlieta u għoxrin darba għas-sehem tiegħu
fil-kamp televiżiv u ġurnalistiku. Sena wara l-oħra, Għawdex Illum ġie
magħżul għal sittax-il darba bħala l-aħjar programm televiżiv f’diversi
kategoriji. Il-programm taż-żgħażagħ Żmeraldi rebaħ ħames unuri fix-xena
televiżiva nazzjonali. Żewġ sensiliet oħra li kisbu l-Oscar Malti fis-settur tax-
xandir kienu d-dokumentarji Ix-Xogħol Waħdu Jurik u Malta Ġrajjietha.

Fl-1990 u l-1991 Scicluna attenda diversi korsijiet intensivi mal-BBC f’Elstree
fl-Ingilterra dwar il-kitba, l-iffilmjar, il-produzzjoni u d-direzzjoni għat-
televiżjoni. Scicluna ħadem dokumentarji televiżivi f’aktar minn sebgħin pajjiż
u reġjun. Ħadem fuq numru ta’ dokumentarji fl-artijiet tat-tielet dinja li żar
kemm il-darba, fosthom il-Gwatemala, il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Filippini u l-
Albanija biex jesponi ħidmet il-missjunarju Malti. Fl-2004 il-President tal-
Gwatemala Óscar Berger, onorah b’rikonoxximent għall-fatt li Scicluna kien
wieħed mill-ewwel ġurnalisti barranin li żaru dan il-pajjiż tal-Amerika
Ċentrali, xhur biss wara tmiem gwerra ċivili kiefra li kienet għodda qerdet il-
pajjiż. Ħadem servizzi u programmi televiżivi għal networks barranin fosthom
il-BBC, RAI, EuroNews, Mediasat, RBTF, SkyTV u NHK tal-Ġappun.

Scicluna waqqaf il-kumpanija CVC Media li għandha l-iskop ewlieni li twassal
aħbarijiet fuq Għawdex.
                          CECILIA XUEREB M.Q.R.

Xuereb ħadmet b’mod sfiq fi tliet setturi ta’ importanza pubblika u soċjali: l-
edukazzjoni u l-kultura, il-promozzjoni tal-mużika, u l-apprezzament u s-siwi
tar-irwol tal-mara fis-socjetà.

Xuereb għexet l-esperjenza edukattiva tul ħajjitha kollha kemm bħala
għalliema u kemm bħala amministratriċi. Hi kellha l-ħila u l-viżjoni li tintegra
l-kwalità tat-tagħlim f’kuntest kulturali wiesa’ l-aktar minħabba l-impenn
tagħha għall-ħajja kulturali ta’ pajjiżna.

Dan l-impenn jimmanifesta ruħu fl-irwol li hi ħadet bħala President tal-Kunsill
Nazzjonali tan-Nisa (1995-1998), Chairperson tal-Manoel Theatre
Management Committee (1987-1990) u membru tal-bord governattiv tal-
Fondazzjoni Patrimonju Malti. Xuereb tipparteċipa b’mod ħaj f’diversi
avvenimenti kemm lokali u kemm internazzjonali li jiġu organizzati biex
inrawmu l-interess fil-wirt kulturali Malti. Hi ppreżentat diversi studji
f’konferenzi internazzjonali u kitbet sensiela ta’ artikli fuq il-kultura Maltija li
ġew ippubblikati f’diversi ħarġiet tal-Malta Year Book. Xuereb ikkontribwiet
għall-volum Theatre in Malta ippubblikat mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti.

Mill-1969 sal-2009 Xuereb kienet il-kritiku tal-kamp mużikali tas-Sunday
Times u hi magħrufa sew għall-kritika informattiva u oġġettiva tagħha.

Xuereb tat bidu għall-Kompetizzjoni Bice Vassallo organizzata mill-Kunsill
Nazzjonali tan-Nisa. Din il-kompetizzjoni nazzjonali tal-mużika issa ilha
għaddejja sa mill-1987. Fil-qasam tar-rikonoxximent tal-mara fis-socjetà
Xuereb tat sehem kbir kemm bil-karatteristiċi sbieħ tagħha, kif ukoll bl-
inklinazzjoni kulturali u s-sens kbir ta’ ġustizzja li tħaddan. Għal xi żmien
kienet attiva wkoll fil-qasam tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

				
DOCUMENT INFO
Shared By:
Categories:
Tags:
Stats:
views:21
posted:11/29/2011
language:Maltese
pages:13